Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Shadow Woods (2024) Book Review (Maltese)

Reviżjoni tal-ktieb bil- Malti ta’ Marouska Montebello

Shadow Woods ta’ Roberta Bajada huwa vjaġġ inkredibbli li ħadni dawra fuq roller-coaster profondament emozzjonali. L-istorja ta’ Daniel, rikka b’misteru u tifkiriet tat-tfulija. Ix-xenqa nostalġika tiegħu għall-possedimenti materjali laqtet korda, u stajt inħoss l-emozzjonijiet tiegħu hekk kif ġera lura lejn il-passat tiegħu biex jikxef il-verità.

Fil-fatt ma tobsorx, hekk hu, ma tobsorx li l-inqas karattru importanti fl-istorja huwa d-destinazzjoni finali tal-verità. Fil-bidu niskopru daqxejn il-ħajja adulta ta’ Daniel kif evolviet wara li telaq minn raħaltu li kien mitfun fid-dell, id-dell tal-palk. Il-ħtija li minn dejjem ħass, inti bħala qarrej ma tistax ma tħossx għall-protagonist.

Iżda l-iktar fatt eċċitanti tal-istorja hija kif Shadow Woods għandu enerġija partikolari. L-awtriċi hawnhekk irnexxilha toħloq dik li tissejjaħ dinja dimensjonali ta’ bejn ħajja u mewt, dik il-korda tal-ħajja qabel ma tinqata’, il-famuż bieb abjad li jinfetaħ jew jingħalaq.

It-tema tan-nostalġija hija fil-fatt fattur importanti ħafna fil-ktieb, u għalhekk jiena, waqt li naqra, ħassejtni li stajt nassocia ċerti dettalji ma’ affarijiet li kont rajt fi tfuliti. Id-deskrizzjonijiet ta’ video cassettes u VHS u l-istil ta’ riklami fuq sett tat-televiżjoni CRT huma ftit affarijiet.

Mingħajr ma nikxef l-istorja kollha, għax tassew inħoss li nkun qed nonqos milli nħallikom tesperjenzaw vjaġġ mhux biss ta’ misteru iżda nostalġiku għal min twieled fis-snin 80ijiet u 90ijiet. Iva, orbot wisq ma’ qalbi speċjalment ċerti dettalji.

Il-plots li interessawni immens kienu fuq il-famuża Trixie, il-kamera Minolta u l-kontaminazzjoni kodarda ta’ Shadow Woods. L-inqas persuna li tagħti fil-għajn kienet it-tweġibiet ta’ kollox. U meta wasalt għal dak il-punt tal-ktieb għajnejja nfetħu beraħ. Kienet twist interessanti u ammirajt l-awtriċi għal kif għaqqdet kollox fl-aħħar kapitli.

Tassew storja eċċellenti.

Dal-ktieb ġie ppubblikat mill-Merlin Publishers.